L-EIT fil-qosor

L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) hu korp indipendenti tal-UE. Aħna ntejbu l-ħila tal-Ewropa li tkun innovattiva billi nsostnu t-talent intraprenditorjali u nappoġġjaw ideat ġodda.

Il-missjoni tagħna hi li
  • Nikkontribwixxu għall-kompetittività tal-Ewropa, it-tkabbir ekonomiku sostenibbli tagħha u l-ħolqien tax-xogħol billi nippromwovu u nsaħħu s-sinerġiji u l-koperazzjoni fost in-negozji, l-istituzzjonijiet edukattivi u l-organizzazzjonijiet tar-riċerka.
  • Noħolqu ambjenti favorevoli għal ideat kreattivi, biex l-innovazzjoni u l-intraprenditorija tal-ogħla livell ikunu jistgħu jissaħħu fl-Ewropa.

L-EIT hu parti integrali mill-Orizzont 2020, il-Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni. L-Orizzont 2020 hu pilastru ewlieni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni – inizjattiva ewlenija tal-Ewropa 2020 li għandha l-għan li ttejjeb il-kompetittività globali tal-Ewropa. 

L-innovazzjoni permezz tal-integrazzjoni

Biex il-kapaċità tal-innovazzjoni tal-Ewropa tingħata spinta, hemm bżonn li tittieħed azzjoni biex jingħeleb ix-xenarju Ewropew frammentat tal-innovazzjoni; u hawnhekk jidħol l-EIT. Għandna r-rwol importanti ħafna biex jiżdied it-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività tal-Ewropa billi tkun rinfurzata l-kapaċità tal-innovazzjoni tal-UE f’kuntest globali dinamiku.

L-EIT iressaq flimkien ‘it-trijanglu tal-għarfien’ tan-negozji, l-edukazzjoni u r-riċerka biex ikunu ffurmati sħubiji transkonfinali dinamiċi; Komunitajiet ta’ Għarfien u Innovazzjoni (Knowledge and Innovation Communities – KICs). Il-KICs:

  • jiżviluppaw prodotti u servizzi innovattivi,
  • iniedu kumpaniji ġodda, u
  • iħarrġu ġenerazzjoni ġdida ta’ intraprendituri.

Meta jaħdmu flimkien mill-qrib fil-KICs, il-kumpaniji, l-universitajiet u ċ-ċentri tar-riċerka ewlenin, joħolqu soluzzjonijiet aktar effettivi u innovattivi għall-Ewropa.

L-ewwel tliet KICs tal-EIT tnedew fl-2010:

  • Climate-KIC: tindirizza l-isfidi relatati mal-bidla fil-klima;
  • EIT Digital: jiġġeneraw teknoloġija (ICT) tal-ogħla livell;
  • KIC InnoEnergy: tittratta l-enerġija sostenibbli.

F'Diċembru 2014 ġew innominati żewġ KICs ġodda u se jistabbilixxu l-attivitajiet tagħhom mal-Ewropa kollha fl-2015:

  • EIT Health: għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej u għas-sostenibbiltà tas-sistemi tas-saħħa u l-kura soċjali.
  • EIT Raw Materials: għall-assigurazzjoni tal-aċċessibbiltà, id-disponibbiltà u l-użu sostenibbli tal-materja prima għall-ekonomija u ċ-ċittadini.

Kull waħda mill-KICs topera f’ċentri ta’ innovazzjonijiet li jissejħu ‘Ċentri ta’ Kolokazzjoni’. Il-KICs tal-EIT għandhom Ċentri ta’ Kolokazzjoni mifruxa mal-UE kollha u jaħdmu ma’ ċentri reġjonali biex iżidu l-impatt tal-attivitajiet tagħhom.

Qed nikbru!

Sal-2020, se nistabbilixxu tliet KICs ġodda:

  • 2016:

EIT Food: għall-assigurazzjoni ta’ katina globali tal-valur tal-ikel li hi reżiljenti għall-klima u sostenibbli.

EIT Manifacturing: għat-tisħiħ u ż-żieda fil-kompetittività tal-industrija tal-manifattura tal-Ewropa.

  • 2018:

EIT Urban Mobility: għall-provvista ta’ soluzzjonijiet sostenibbli għall-mobbiltà urbana.

L-Iskema ta’ Innovazzjoni Reġjonali tal-EIT (EIT RIS) hi programm strutturat ta’ involviment biex jgħin aktar organizzazzjonijiet mill-Ewropa kollha biex jibbenefikaw mill-ħidma tal-EIT u jipparteċipaw fl-attivitajiet tiegħu. L-għan tal-EIT RIS hu li jżid il-kapaċità tal-innovazzjoni f’oqsma u f’reġjuni fl-Ewropa li mhux qed jaħdmu mal-EIT u KICs tiegħu. L-EIT RIS tressaq kumpaniji, universitajiet, laboratorji ta’ riċerka u organizzazzjonijiet ta’ partijiet kkonċernati li mhumiex imseħbin f’KIC, lejn id-dinja tal-innovazzjoni.

Il-Governanza tal-EIT

Biex jitrawmu ideat ġodda u tkun ispirata l-innovazzjoni, l-EIT jikkombina l-ħila esperta b’viżjoni. Id-deċiżjonijiet jistgħu jittieħdu billi jkun hemm bilanċ xieraq bejn il-flessibbiltà u l-kontabbiltà. Dan hu riżultat tal-istruttura ħafifa tal-EIT fuq żewġ livelli, li tikkombina struttura ta’ governanza effiċjenti b’tim maniġerjali b’saħħtu u bi grupp operattiv deċentralizzat ta’ sħubiji (il-Komunitajiet ta’ Għarfien u Innovazzjoni), ibbażata fuq l-atturi l-aktar eċċellenti tal-innovazzjoni fl-Ewropa.

L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) u l-operazzjonijiet tiegħu huma ġestiti mid-Direttur. Martin Kern ilu l-Uffiċjal Operattiv Ewlieni u d-Direttur Interim tal-EIT mill-1 ta’ Awwissu 2014.

Id-Direttur jirrapporta lil Bord ta’ Tmexxija indipendenti għal kollox magħmul minn numru bilanċjat ta’ professjonisti ta’ kalibru għoli mill-oqsma tan-negozju u l-akkademja u mmexxi minn Peter Olesen; li beda l-mandat tiegħu fl-1 ta’ Awwissu 2014. Ir-rwol tal-Bord tat-Tmexxija tal-EIT hu li jipprovdi gwida strateġika lill-EIT u hu responsabbli wkoll mill-għażla, l-evalwazzjoni u l-appoġġ tal-Komunitajiet ta’ Għarfien u Innovazzjoni (KICs) tal-EIT.

Il-Kwartieri Ġenerali (KĠ) tal-EIT huma bbażati f’Budapest, l-Ungerija. L-Istitut hu strutturat f’numru ta’ unitajiet u dipartimenti, kif speċifikat fl-organigramma konformi bis-sħiħ mal-missjoni u l-attivitajiet rispettivi tal-Kwartieri Ġenerali tal-EIT. L-uffiċċji kollha tal-KICs tal-EIT fl-Ewropa kollha jinstabu hawn.

L-EIT – nagħmlu l-innovazzjoni realtà! Kun innovattiv magħna!

Dokumenti Relatati